Inċedi le

Nipprova ngħatti d-diżappunt tant evidenti,
wara li għidtli le u komplejt tiddiskuti l-ġrajjiet kurrenti.

Nixtieq li ngħib, nixtieq li kieku l-art tiblagħni.
Donni jien biss nixtieq narak. Donnok inti ma tixtiqx tarani.

Ma nafx fejn sejjer, nitlaq b’denbi bej’ saqajja.
Fej’ naqbad insib kenn? Ma rridx li nerġa’ nilbes ħwejjeġ kollha tbajja.

(‘Mma) Inċedi le!
Nixkana iva, ‘mma nċedi le.
Naqa’ u nqum!
Għidtli “trid tfalli ta’ kuljum”.

Kif ftaħt il-bieb mill-ewwel qrajtni, għidtli “x’għandek”?
Ċara li mġarrab imma anqas kieku; inti xej’ ma jaħrablek!
Għidtlek “Madonna kemm hi iebsa din il-ħajja”!
Naf li għidtha miljun darba, imma (hemm) ftit inżul u ħafna ħafna tlajja.

U għidtli “Iċċedi le! Tixkana iva, ‘mma ċċedi le”!
“Taqa’ u tqum”. Għidtli “trid tfalli ta’ kuljum”.

Lejk grat li din l-istorja ġrat.
Infallu flimkien. Nitbenġlu int u jien.

“Taqa’ u tqum”. Għidtli “trid tfalli ta’ kuljum”.

****************************

Julia

Inti għadira u jien l-ilma li jimlik
Inti tilqagħni u nikkonforma fik
Ninfed fit-toqob, ħofor u xquq
Int għalija l-ilqugħ

Int il-katina tal-mutur, jien iż-żejt
Niżżelleġ miegħek u naħarbu xi tgħid?
Inti sikkina u jien ġebla li ssinn
Inħokku ma’ xulxin, xintill!!

Chorus: Inkun ħdejk x’ħlewwa nħoss, o Julia !
Ikolli nerġa nemmen, Alleluia !
Int issaltan fil-ħolm.

Int l-iskorfina u jiena il-bolt
Jiena il-wisa’ u inti il-fond
Int il-baċir u jien il-bastiment
Int iċ-ċana u jien il-kument

Chorus: Inkun ħdejk x’ħlewwa nħoss, o Julia !
Ikolli nerġa nemmen, Alleluia !
Int issaltan fil-ħolm.
Ġmiel minn barra u minn ġew’

****************************

Balzmu

Balzmu, l-għażż balzmu mhux tartru.
Tħaddet ma’ min jaf sewwa xogħlu,
Għaliex b’li qed tgħidli se ġġibni ħażin għaġeb!
Il-morali ħxewni. Kemm nixtieq illi kont tifel imqareb.

Kissru! Trid tkissru u tfarrku!
Isħaqlu rasu b’għarqubek.
Ħadd m’hu se jlumek jekk tieqaf tieħu belgħa te.
Please għidli iva għax ma nafx kif nieħu l-le.

Inti bħax-Xitwa, taqsamni fuq rkuptejk, iġġibni skjav taħt riġlejk.
Tħajjarni bi ftit mumenti ta’ xemx fietla, imbagħad, ix-xita u r-ragħad,
tgħoddosni fil-griż, biss xorta lejk grat, għax iżżeffinni għada, iżżeffinni llum.
Ġewnaħ jiena, ġewnaħ inti u ninqatgħu mill-irdum.
Qatt mhu se nħallik tinbarax. Jekk tingiref indewwik, jekk titnikket nagħtik faraġ.

Kebbes nar b’dil-fjamma qabel tmut, u jaqa’ l-ksieħ.
Nixtieq noqgħod maġenbek, biex niflu l-kwiekeb, bil-ħoss kalm tal-baħar.
Tini li ngħix. Tini li ngħix.

Stinka, trid taħdem, tistinka, biss inħoss li l-ferħ minn qalbi qed jiżvinta.
Għandi l-ġid u saqaf fuq rasi. Nikteb id-diski biex forsi xi darba tagħti kasi.
Naqdef fl-inżul u fit-tlajja’. Naqdef sa ma ngħajja. Naqdef bla ma ħadd ma jġegħlni; minn rajja. U issa naf fejn irrid nasal, jekk nasal.

Nagħmel kuntrumbajsi biex tarani, inkanta biex tismagħni, qed inteptep id-dawl, innutani.
Biss forsi ntbaħt illi dal-flien difettuż, u tfajt ħarstek fuq ħaddieħor xi ftit iktar gustuż.
Għidtli “tkunx needy magħha. Tkunx bħal imħara. Qisek ħaddiem illi mejjet għas-sahra.”
“Fre, din għalija impossibilta’. Kif jista’ jkun? Ma nafx nirreċta. Minix attur”.
Jaf forsi nidher tajjeb, nidher sielem, nidher bniedem mingħajr gdiedem, nidher qisni xi iljun; qisni Mario il-brikkun.
‘Mma jien biss selħa fil-ħajt tas-sejjieħ, u fi ħdanek nixtieq nistrieħ.
U fi ħdanek nixtieq nistrieħ.

Kebbes nar b’dil-fjamma qabel tmut, u jaqa’ l-ksieħ.
Nixtieq noqgħod maġenbek, biex niflu l-kwiekeb, bil-ħoss kalm tal-baħar.
Tini li ngħix. Tini li ngħix. Tini li ngħix. Tini li ngħix.

****************************

Minjiera Blu

Kieku tafu kemm affarjiet sbieħ!
Tidħol f’dan il-post u l-qalb tistrieħ.
F’armonija kollox u kulħadd.
Ġnien tal-Eden, ġenna fuq din l-art.
Kieku jkollkom ċans tiġu żżuruh,
Imbellhin tibqgħu b’ħalqkom miftuħ.
B’garanzija li mit-Tnejn sal-Ħadd
tibdew tiġu dejjem bla kuntratt.

Tridu tdħlu minn ġo Wied il-Kbir,
qabel jidlam, qabel dlam isir.
Minn faċċata taraw nieżla x-xemx.
Titfixklux għaliex triq oħra m’hemmx.
Fuq kull naħa siġar tal-ballut, ħanfus iswed, kokka, u xi qanfud.
(Is-) Sensazzjoni kif taslu viċin, hi li bħal donnu waqaf il-ħin.

Hemm bokka fil-blat, ibqgħu deħlin.
Ħallu d-dalma, kalma ta’ dal-post tgħannaqkom ja ħelwin.
Itfu t-telecell, fil-Minjiera blu!
Evitaw id-distrazzjonijiet f’dal-post tant silenzjuż.

Il-faħam tal-ħajt ikanġi l-blu.
Jarmi dija kaħla illi twennes, tnessi kull dulur.
Jekk tibqgħu deħlin hemm għadira tfur.
Tfal, sireni u kull tip ta’ ħlejqa jgħixu ferħanin.

Din bejnietna, tmorru tgħidu ‘l ħadd!
Għax it-tali li joqgħod fil-wied,
għandu klieb feroċi b’nejbiet kbar,
qegħdin għassa biex ma jersqux nies.
Madankollu jekk tiġu żżuruh, imbellhin tibqgħu b’ħalqkom miftuħ.
Dar-refuġju fil-Minjiera blu m’hemm bħalu imkien
f’dan il-ħolqien terren.

****************************

Kemm hi sabiħa l-ħajja!

Ġarrabt ġmielek illum u naf, forsi mhux dehen,
li nxomm xagħrek u ntiegħem xufftejk, li jdejja żżomm f’idejk.

Erbgħa u tletin deżert.
F’tant nixfa xrobt id-dmugħ.
Imbagħad tfaċċajt int; għadira tfur,
u għidtli biex nidħol ġo fik u nindaf.
Qalbi qtajtli l-għatx.

Kemm hi sabiħa din il-ħajja!
Minkejja l-ftit inżul u l-ħafna tlajja’.
Kemm hi sabiħa din il-ħajja!
Irrid niġġiddem. Nimtela’ tbajja’.

Innutani għaliex nieħu n-nifs ħabba fik.
Ix-xemx għall-fjuri, imħabbti għalik.

Kemm hi sabiħa din il-ħajja!
Minkejja l-ftit inżul u l-ħafna tlajja.
Kemm hi sabiħa din il-ħajja!
Irrid niġġiddem. Nimtela’ tbajja’.
Kemm hi sabiħa din il-ħajja!
Ponta ġulepp u magħrfa mirra.
Kemm hi sabiħa din il-ħajja!
Nofs siegħa rdoss u seklu sirda.
Niġri u nieħu r-rankatura, iddeċidejt mhux se mmur lura.
B’ruħi u b’ġismi dħalt għaliha, almenu nkun tirt qabel niġġarraf.
Intlaqt fil-vojt bħal ferħ beżagħni, nafda li qiegħdha hemm taħt biex tilqagħni.
Kemm hi sabiħa din il-ħajja!
Nitolbok la tagħfasx għaliex qalbi f’idejk.

****************************

Il-magħmudija t’imħabbtek

Tfajt ħarsti l’bogħod, flejt mil-Lvant sal-Punent,
u l-għabex kixef mitt lewn, u indunajt bħalek m’hemmx.

Kelmitni brimba b’għajnejn imberrqin.
Qaltli “dan ħela ta’ ħin”, qaltli “dan ħela ta’ ħin”.

Żfinna fit-trab ġo teatru bla żmien.
Xegħlet ħuġġieġa f’għajnejk.
Ġew l-anġli jqimuk, poġġejt ħdejk.

Aħseb f’isem ġdid għall-magħmudija.
Aħsilni fix-xmajjar tal-Ġordan.
Is-salm responsorjali ma ftakartx.

Mill-gallarija fuq ġnien ittarraft.
Taħtek ħarist u intbaħt, kollox kien xejn u x-xejn ġarrabt.

M’għadnix qed nagħraf bejn t’isfel u ta’ fuq,
u int ħaddantni miegħek. Farraġtni, lagħaqtli d-dmugħ.

Ejja għalija għax f’labirint tliftni.
Kun għalija l-ankra, il-kenn, il-port.
U għidli fl-imħabba biss se tirtogħod.

Fiha rrid ninħeba.
Kollox frugħa f’din il-ħolma.
Tini l-pirmla. Irrid nimrad bl-imħabba.

****************************

Irranġani

Qatt ma kont naf nitlef.
Falza l-umilta’.
Ordomt il-mankament.

Issa qed naqta’ nifsi.
Il-ferita infettat.
Niggranfa ma’ li nsib.

Dit-tagħbija ġewwinija trid titbattal, trid tinħatt.
Ebda Kristu, ebda alla ma ħareġ għonqu f’dal-kumbatt.
Qajjem bniedem mill-mewt.

Irranġani. Irranġani.
Naf li inadekwat. Inkapaċitat.
Irranġani. Irranġani.
Naf li adekwat minix.

Ejja fieq maġenbi nżomm idejk magħfusin.
Forsi aħjar nillanja. Ix-xemx qed tgħammixni.
X’se jibqa’ minni?

Dit-tagħbija ġewwinija trid titbattal, trid tinħatt.
Ebda Kristu, ebda alla ma ħareġ għonqu f’dal-kumbatt.
Qajjem bniedem mill-mewt.

Irranġani. Irranġani. Irranġani. Irranġani.
Irranġani. Irranġani.
Mument miegħek u inħossni ħaj.
Irrid inħossni ħaj.

****************************

Pupazz

Pupazz naħseb qed naqbdek fuq frekwenza.
Tini sinjal jekk vera huwa int.
Ħerqan li nerġgħu ngħidu kelma, għax ilek seklu issa li sifirt.
Hawnhekk l-affarijiet qajla nbidlu. Jinbidlu biss il-ħwejjeġ ma’ xiex niggranfaw.
Mal-lejl qed nistenbaħ u nsib qalb imkeffna, biss ġieli iż-żerniq iġib xi raġġ ta’ dawl.

Qed nimmaġinak, u taf li kważi qed narak.
Fej’ tista’ tkun? Fej’ tista’ tkun?
Qed nimmaġinak, u kważi kważi qed narak.
Fej’ tista’ tkun? Fej’ tista’ tkun?

Tan-nejk, qbadt tlaqt m’għidtlix li sejjer!
Kont niġi nwasslek, ngħannqek u ngħidlek ċaw.
Nixtieq li nerġgħu niltaqgħu waħda, noħorġu libsin ikrah, noqogħdu nixkanaw.
Kultant nitolbok ibgħat ġegħlni nħossok miegħi.
Tħallinix miexi waħdi f’dan il-wied mudlam.

Qed nimmaġinak, u taf li kważi qed narak.
Fej’ tista’ tkun? Fej’ tista’ tkun?
Qed nimmaġinak, u kważi kważi qed narak.
Fej’ tista’ tkun? Fej’ tista’ tkun?

Qed nitilfek. Qiegħed nitilfek.
Qed nitilfek. Qiegħed nitilfek.
Qed nitilfek l-għażiż.
Qed nitilfek. Qiegħed nitilfek.
Qed nitilfek l-għażiż.
L-ispazju li hemm bejnietna jkompli jżid o astronawta tat-tifrik.

****************************

Ħondoq ħurrieq

Ħondoq ħurrieq jien mixħut mal-art.
Xita u ksieħ li jinfdu l-qalb.

Ġieli urejtni s-sabiħ.
Illum tilqagħni fil-qiegħ.

Ħondoq ħurrieq bi ħniena ma tafx.
Int dak li int; il-qasma fil-blat.
X’togħma ħażina l-asfalt!
Ħondoq ħurrieq ma twassal imkien.

Ġieli urejtni s-sabiħ.
Illum tilqagħni fil-qiegħ.

Ħondoq ħurrieq fittixtek illum.
Dlamek mhux dlam.
Wens mid-dulur.
Sibtni fix-xagħari, fl-għollieq.
Ħondoq ħurrieq, m’għadnix nista’ ndum.

****************************

Litanija

Dejjem ġo moħħi tkun

Ġnien tal-Eden – Le ma rridx inħares lejk
Arpa ta’ David – Le ma rridx inħares lejk
Sens tal-ħajja – Le ma rridx inħares lejk
Fl-inżul u fit-tlajja’ – Le ma rridx inħares lejk
Bħal raġġ tax-xemx fil-kesħa – Le ma rridx inħares lejk
Bħal biċċa xogħol lesta – Le ma rridx inħares lejk
Tittajjar ħelwa bħal ħuttafa – Le ma rridx inħares lejk
Il-prinċipessa tal-ħrafa – Le ma rridx inħares lejk

Din krudilta’! Tħallinix mill-ferħ insum.
Il-verita’; li ma rridx inħares lejk illum u nipprova ndum.
Kulma nixtieq hu li tiċħadni minnufih.
Għax int jixraqlek l-aħjar.
Il-għaliex int jixraqlek l-aħjar u jien biss ħmar.

Inti tgħammixni – Le ma rridx inħares lejk
U sbuħitek tinbixni – Le ma rridx inħares lejk
Int impossibbli – Le ma rridx inħares lejk
U moħħi tqallibli – Naħseb fik moħħi herrejt
Ixxennaqni – Le ma rridx inħares lejk
Meta tiġi tgħannaqni – Le ma rridx inħares lejk
Int ksur tal-liġi – Le ma rridx inħares lejk
Ħlewwietek iddaħħalni fi kriżi – Le ma rridx inħares lejk
Jien imriegħex – Le ma rridx inħares lejk
Kif narak nindiehex – Le ma rridx inħares lejk
Sirt ostaġġ tiegħek – Le ma rridx inħares lejk
Ħallini naħrab nitbiegħed – Le ma rridx inħares lejk

Din krudilta’! Tħallinix mill-ferħ insum.
Il-verita’; li ma rridx inħares lejk illum u nipprova ndum.
Kulma nixtieq hu li tiċħadni minnufih.
Għax int jixraqlek l-aħjar.
Il-għaliex int jixraqlek l-aħjar u jien biss ħmar.